Inħareġ uffiċjalment il-mandat t’ Arrest Ewropew fil-konfront tal-Eks Mexxej Kattalan Carles Puigdemont u erba eks-ministri tal-Gvern Reġjonali Katalan li ħarbu lejn il-Beġju.
Dan għaliex il-ħamsa li huma ma dehrux quddiem il-Qorti f’ Madrid il-Ħamis li għadda filwaqt li tmien eks-uffiċjali tal-Gvern inzammu arrestati, madankollu wieħed minnhom ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija ta’ ħamsin elf ewro.
Huma qed jaffaċjaw akkużi ta’ ribeljoni, sedizzjoni u użu ħażin ta’ fondi publiċi għall-indipendenza tal-Katalunja.
L-Eks Mexxej Katalan Pugdemont sostna li huwa mhux se jirritorna fi Spanja jekk ma’ jkunx garrantit smiegħ ġust quddiem il-qrati.
Il-Parlament ta’ Katalunja li issa huwa xolt kien ivvota favur proklama ta’ Reppublika Indipendenti għall-Katalunja ġimgħa ilhu, wara referendum meqjus illegali organizat mill-Gvern Katalan fl-ewwel t’ Ottubru.
Ma kien hemm l-ebda pajjiż li rrikonoxxa din il-mossa tal-eks Gvern Katalan u għalhekk il-Gvern Spanjol ħa l-kontrol dirett tar-reġjun ta’ Katalunja permezz tal-poteri li ttih il-kostituzzjoni.