Nirien qawwija dalgħodu ħakmu katusi tal-plastik industrijali, li kienu qed jinżammu maħżuna f’żona qrib il-Kumpless Sportiv tal-Marsa, b’riżultat li ħolqu daħna sewda li dehret minn diversi postijiet tal-pajjiż.
Mill-ewwel rapporti fuq il-post, jirriżulta li n-nirien ħakmu għadd ta’ katusi u tajers f’żona kkaratterizzata minn ħaxix niexef li kompla jħeġġeġ in-nirien biex jinfirxu.
Parti kbira taż-żona nksiet bid-daħna folta, bil-konsegwenza li ngħalaq l-aċċess għat-triq ta’ wara l-Kumpless Sportiv tal-Marsa.
Fuq il-post issejħu diversi ħaddiema u inġenji tal-Protezzjoni Ċivili li qed jassitu biex jintfew in-nirien jiġu kkontrollati, waqt li hemm ukoll il-Pulizija u awtoritajiet oħrajn tal-pajjiż.
Sadanittant il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri, ukoll appella lil kulħadd biex jevita din iż-żona.