Raġel mill-Ġeorġja reġa’ sab ruħu fiċ-ċella ta’ kordin wara li ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ mewġa kbira ta’ serqiet li twettqu tliet snin ilu minn għadd kbir ta’ appartamenti fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta.
Karlots Dolaberidze ta’ tlieta u erbgħin sena mill-Ġeorġja ħarab minn pajjizna s-sena li għaddiet wara li tliet snin ilu tressaq il-qorti mixli bi tmienja u għoxrin serqa li seħħew minn erba’ u għoxrin appartament f’Tas Sliema, f’San Ġiljan, fil-Gżira u San Pawl il-Baħar.
Huwa kien tressaq il-qorti flimkien erba’ persuni oħrajn involuti f’ċirku kriminali.
Huwa kien ħarab minn Malta wara li ngħata l-ħelisen mill-arrest f’Mejju tas-sena li għaddiet.
Ħidma intensiva mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali wasslet sabiex fl-aħħar jiem, il-Pulizija interċettat lir-raġel fi Franza, fejn minn hemm bdiet ħidma sabiex tard it-Tnejn filgħaxija huwa ġie estradit lejn pajjiżna wara li nqabad fi Franza b’dokumenti foloz.
Fil-fatt, it-Tlieta filgħodu kompla jinstema’ l-każ tiegħu quddiem il-maġistrat Josette Demicoli.
Il-qorti laqgħet t-talba tal-prosekuzzjoni sabiex l-akkużat jitressaq il-qorti b’mod separat mill-persuni l-oħra li jinsabu mixlija b’dan is-serq.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti ordnat li l-garanzija personali ta’ 30 elf ewro tiġi kkonfisata favur il-gvern ta Malta wara li l-akkużat kiser il-kundizzjonijiet marbuta mal-ħelsien mill-arrest.