Il-proġett tal-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija daħal f’fażi importanti bl-għoti ta’ tliet kuntratti ġodda għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-proġett li se jkun magħruf bħala l-Melita TransGap Pipeline.
Id-dettalji dwar il-kuntratti tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-enerġija Joe Mizzi li stqarr li l-mira tal-Gvern hi li x-xogħol fuq il-bini tal-pipeline stmat li jiswa 350 miljun ewro jitlesta sal-aħħar tal-2024.
Kumpanija Taljana se tistudja f’dettal ir-rotta li se jgħaddi minnha l-pipe line f’qiegħ il-baħar b’tul ta madwar mija wieħed u ħamsin kilometru.
Żewġ bastimenti oħra se jistħarrġu madwar il-kosta waqt li se jintużaw braken għat-tħaffir tal-kampjuni f’dawn iż-żoni u investigazzjonijiet ġeotekniċi qrib ix-xtut ta’ Delimara u Ġela.
Il-fażi preliminari tal-applikazzjoni għall-permessi bdiet f’Lulju tal-2017, bl-awtoritajiet Maltin u Taljani jitolbu formalment studji aktar dettaljati li se jiġu ffinanzjati minn €4 miljun li ġew allokati għall-proġett mill-Unjoni Ewropea.
Għaldaqstant kumpanija Maltija u Taljana se jħejju l-istudji kollha għall-ħrug tal-permessi fosthom dwar l-impatt ambjentali.
Konsorzju Taljan se jipprovdi disinni dettaljati ta’ kull element li jagħmel parti mill-proġett u jkopri r-rotot ta’ fuq l-art u l-baħar, u t-terminal stations f’Delimara u f’Ġela.
L-Inġinier Alexandra Meli qalet li dawn l-istudji huma kritici biex naċċertaw li l-fatturi kollha ġew studjati bir-reqqa u nassiguraw li l-impatt ambjentali waqt it-tqeghid u l-operat tal-pipeline ikun minimu.
Il-Ministru Joe Mizzi qal li l-gvern huwa impenjat li jwettaq dan il-proġett kemm jista’ jkun malajr. il-pipeline se jkun qiegħed jieħu post t-tanker tal-LNG f’Delimara.
Qa li l-proġett se jżid is-sigurtà fil-provvista tal-enerġija għal pajjiżna u jagħmilha possibbli biex nixtru gass mis-swieq Ewropew.
Il-Ministru Joe Mizzi ħabbar ukoll li twaqqfet Melita Transgas Pipeline, kumpanija pubblika li se tieħu ħsieb l-implimentazzjoni tal-proġett.