F’ċerimonja li saret ilbieraħ filgħaxija ngħataw il-liċenżji lil 93 tabib li għadhom kemm temmew sentejn ta’ foundation training u li issa se jibdew l-ispeċjalizzazzjoni. Barra dawn it-93 tabib ingħataw ukoll il-liċenzji lil 11-il dentist.
Waqt li indirizza lit-tobba u dentisti, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-professjoni li daħlu għaliha dawn iż-żgħażagħ hija waħda li tagħti sodisfazzjonijiet kbar, iżda li hi mimlija responsabbiltà wkoll.
“Ħossukhom onorati tal-fiduċja li l-poplu għandu lejkhom. F’idejkom jiġu fdati l-għeżież tagħna, il-ġenituri, il-maħbubin, uliedna. Għożżu l-fiduċja li qegħdin tingħataw”, qal id-Deputat Prim Ministru.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tkellem fuq l-opportunitajiet li dejjem qegħdin jiżdiedu fil-qasam tal-mediċina. “Huwa għalhekk neċessarju li kull wieħed u waħda minnkhom ma tieqfu qatt titgħallmu. Żommu ruħkom aġġornati bi prassi u tekniċi ġodda u fl-evoluzzjoni mgħaġġla kontinwa tal-mediċina”, qal Chris Fearne.