Lydn Paul Brincat ta’ 26 sena u Anthony Muscat ta’ 29 sena, it-tnejn mir-Rabat, tressqu l-Qorti akkużati bil-pussess tad-droga Kannabis. Dan wara sejba mill-pulizija ta’ tlett kilogrammi kannabis f’vettura u farmhouse fir-Rabat il-Ħamis li għadda.
Lydn Paul Brincat qed ikun akkużat ukoll bil-pussess tad-droga Eroina u li hu riċediv.
Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. L-avukat difensur Dr Edward Gatt talab għall-ħelsien mill-arrest. Huwa stqarr li qed jagħmel dan minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji li ġabet magħha l-imxija tal-Coronavirus. Dan għaliex fi kliemu, l-akkużi jinsabu arrestati, f’mument fejn fil-Qorti mhux isiru udjenzi u għalhekk fejn qabel kellhom l-opportunità jingħataw il-ħelsien mill-arrest fis-seduta li jmiss, dik is-seduta illum mhux magħruf meta se ssir. Il-Maġistrat stqarret li ġaladarba jkun hemm talba biex il-każ jinstema’, il-Qorti tikkunsidra.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Frank-Anthony Tabone, oġġezzjonat għall-ħelsien peress li hemm xhieda pajżana li għad iridu jixhdu u għalhekk jista’ jgħati l-każ li jkun hemm intralċ tal-provi.
Dan wara li l-Qorti rat il-gravità tal-akkużi u ċ-ċirkostanzi allegati fejn l-ammont ta’ sustanza illeċità mhux wieħed żgħir u saħansitra b’mod partikolari peress li għad iridu jixhdu xhieda pajżana u hemm biża reali ta’ intralċ tal-provi.
Il-Prosekuzzjoni stqarret li x-xhieda pajżana jistgħu jagħżlu li ma jixhdux.
Wara waqfa qasira, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat tal-għassa, Donatella Frendo Dimech, tat il-libertà proviżorja liż-żewġ akkużati u jiffirmaw kuljum fl-għassa. Lydon ingħatat l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €20,000 u Anthony depożitu €5,000 u garanzija personali €20,000.