Żewġt irġiel Sirjani minn fost sebgħa, li jinsabu akkużati li ppubblikaw materjal estremist relatat mal-ISIS fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali tagħhom, Yazan Abdulaziz ta’ 26 sena u Ahmed Kadas ta’ 25 sena, ingħataw il-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet, fosthom li jiffirmaw kuljum fl-Għassa tal-Fgura, jiddepożitaw is-somma ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €30,000 kull wieħed.
Id-deċiżjoni ngħatat il-Ġimgħa mill-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia.
Lura f’April, is-sebat irġiel kienu arrestati waqt rejd, iżda wieġbu mhux ħatja li xerrdu materjal immirat biex jinstigaw atti ta’ terroriżmu, jirreklutaw jew iħeġġu terzi persuni biex iwettqu tali atti f’Malta jew barra.
L-akkużati qed jiffaċċjaw sentenza massima ta’ għomor ħabs.