Tliet irġieli mixlija bi traffikar ta’ kilo u nofs droga eroina fosthom uffiċjal fl-ambaxxata Libjan, ingħataw il-ħelsien mill-arrest.Tristen Kyle Pisani ta’ ħamsa u għoxrin sena minn Ħal Tarxien, Annajar Osama Soleman ta’ erbgħin sena mill-Għargħur u Boulqassim Khalleefah Aboulqassim Almigherrbi ta’ 32 sena mis-Swieqi wieġbu mhux ħatja li kienu involuti fl-allegat traffikar ta’ droga u li kienu fil-pssess ta’ droga kokaina li ma kinitx għall-użu personali tagħhom.
It-tlieta li huma ġew akkużati wkoll b’ħasil ta’ flus waqt li Pisani ġie mixli waħdu li kien fil-pussess ta’ droga kannabis u li sare reċediv.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Justin Grech qal li l-irġiel ġew arrestati wara li l-Pulizija waslitilha informazzjoni li kien se jsir traffikar ta’ droga f’Ħal Kirkop t-Tlieta li għadda.
Qal li meta l-pulizija marret fuq il-post indikat sabet lit-tliet irġiel f’karozza rreġistrata fuq isem il-mara ta’ wieħed mis-suspettati.
Qal li fi tfittxija li saret fil-vettura nstab basket li kien fih kilo u nofs droga kokaina u tlieta u sittin elf ewro li nstabu f’borza taħt is-seat tal-passiġġier.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest miħabba s-serjetà tal-każ u minħabba l-fatt li Soleman għandu rabtiet ta’ negozju barra minn xtutna.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tat-tliet akkużati.
Pisani u Solemen ġew ordnati jħallsu depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €20,000 u li jiffirmaw kuljum fl-għassa tal-pulizija waqt li Almigheerbi ġie ordnat iħallas depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €25,000.
Il-Qorti ordnat ukoll li jiġu ffriżati l-assit tat-tliet akkużati.
Għall-akkużati dehru l-Avukati Roberto Montalto, Edward Gatt, Veronique Dalli, Franco Debono u Marion Camilleri.