Paul Spagnol ta’ 35 sena minn Birkirkara u żagħżugħ ta’ 17-il sena minn San Ġwann, li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti, ġew mixlija li, fit-23 ta’ Mejju, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, attakkaw u weġġgħu gravi lil raġel Somalu f’bar fil-Ħamrun. Il-vittma sofra ksur f’wiċċu u fi snienu.
L-akkużati dehru quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, u l-prosekuzzjoni akkużat ukoll lill-irġiel li kisru l-paċi pubblika.
L-Ispettur Andy Rotin spjega lill-Qorti li raġel mar l-għassa biex jirrapporta li ġie msawwat wara li pprova jidħol f’festin privat.
L-irġiel wieġbu li mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lill-irġiel fuq garanzija, u ordnatilhom biex joqogħdu ‘l bogħod mill-Ħamrun. Il-libertà proviżorja taż-żewġt irġiel kienet garantita b’depożiti separati ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €6,500.