Nebojsa Glavnik u Filip Bakocevic Alissa, żewġ Serbi ta’ 33 u 32 sena, residenti s-Swieqi, ingħataw il-ħelsien mill-arrest, b’diversi kundizzjonijiet, fosthom Ordni ta’ Protezzjoni fil-konfront tal-vittmi, wara li tressqu l-Qorti mixlija b’involviment f’argument fis-Swieqi.
L-argument seħħ matul il-lejl, bejn is-Sibt u l-Ħadd li għadda, ma’ żewġ Ukreni, li kellhom jittieħdu fl-Isptar Mater Dei għall-kura, kawża ta’ dan l-argument.
Fil-Qorti, l-imputati, li jaħdmu bħala waiter u cleaner, rispettivament, wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Abigail Critien.
Il-każ seħħ biswit ir-residenza tal-imputati, fejn il-Pulizija marret minnufih tassisti fuq il-post u arrestat lil dawn l-irġiel.
Skont stqarrija maħruġa mill-Pulizija, waqt l-argument intuża martell, filwaqt li mir-residenza, ġew elevati diversi oġġetti.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni, hekk kif intqal li l-proċeduri għadhom fi stadju bikri, hemm diversi xhieda li għad iridu jixhdu u kif ukoll hemm riskju ta’ intralċ tal-provi.
Min-naħa l-oħra, id-difiża, qalet li ż-żewġ akkużati kienu fir-residenza tagħhom, meta ġew avviċinati mill-allegati vittmi. Dan filwaqt li l-imputati kienu qalulhom sabiex ma jmorrux fir-residenza, hekk kif ippruvaw ukoll iwaqffu l-argument. Id-difiża semmiet ukoll kif l-akkużati għandhom diversi ġrieħi, ilhom jgħixu f’Malta għal żmien sostanzjal, għandhom kondotta nadifa, kif ukoll ikkolloboraw mal-vittmi.
Intqal ukoll li l-allegat vittmi, qed jiġu investigati fuq affarijiet anċillari għal din il-ġlieda.
Fost il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, il-vittmi jridu jidhru għal kull seduta kif ukoll ma jistawx jitilqu mill-pajjiż.
L-imputati, ġew ordnati wkoll li jagħmlu depożitu ta’ 2,000 ewro, kif ukoll garanzija personali ta’ 3,000 ewro.