Il-Bord tat-Trustees tal-Fond tal-Leave tal-Maternità ħabbar li l-formola tal-applikazzjoni għar-rimbors tal-leave tal-Maternità, issa hija disponibbli onlajn għall-Prinċipali.
Dan wara bidliet li kien hemm is-sena li għaddiet bil-għan li tingħeleb id-diffikultà ta’ min iħaddem biex jimpjega nisa minħabba l-ħlas ta’ leave tal-maternità.
B’din il-bidla l-piż tas-settur privat inqasam fuq kull min iħaddem. Fejn jimpjega x’jimpjega negozjant qed iħallas kontribuzzjoni lejn dan il-fond.
Issa min iħaddem se jieħu rifużjoni minn dan il-fond ta’ leave tal-maternità li jkun ħallas. Il-bord huwa magħmul minn tliet membri li jirrappreżentaw lil min iħaddem u membru li jirrapprezenta l-union.Kull min iħaddem jagħti kontribuzzjoni ta’ zero punt tlieta fil-mija tal-kontibuzzjoni għas-sigurta soċjali, irrispettivament jekk iħaddimx nisa jew irħiel. Din il-miżura intlaqgħet b’ mod pożittiv mill-oqsma direttament affetwati.
Il-Bord qal li l- proċess għall-applikazzjoni ħa fit-tul iktar milli maħsub minħabba li s-sistema kellha tinħoloq mill-bidu sabiex ikun żgurat li din titħaddem f’mod ġust u preċiż għall-benefiċċju ta’ kulħadd.
Prinċipali li ħallsu l-kontribuzzjoni tal-leave tal-Maternita’ jikkwalifikaw għal rimbors ta’ leave tal- maternita’ mħallas mis-6 ta’ Lulju 2015. Ir-rimbors jinkludi l-ħlas tal-paga bażika sħiħa, bonuses statutorji pro-rata u allowances, kif ukoll il-ħlas min-naħa tal-Prinċipal għall-kontribuzzjoni tas- Sigurta’ Soċjali tal-impjegat kif imħallas tul l-14-il ġimgħa leave tal-Maternita’.