Ġiet approvata l-liġi dwar il-professjoni tal-psikoterapija, b’dan il-pass jitqies bħala wieħed storiku fil-kamp tal-psikoterapija u tal-kura psiko-soċjali, medika, u edukattiva.
B’hekk issa din il-professjoni hija waħda regolarriżata, b’differenza li sa ftit snin ilu kienet titqies bħala professjoni mhux awtonoma u li tikkumplimenta l-mediċina.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta Soċjali Michael Falzon qal li permezz ta’ din il-bidla fil-liġi, gradwat f’dan il-kamp se joħroġ b’kompetenzi ta’ prattika li tista’ tkun awtonoma f’diversi kampijiet, mhux biss f’dik klinika jew medika, iżda wkoll fil-kuntesti edukazzjonali, soċjali, u psikoloġiċi.
Il-Ministru Michael fisser dan l-att bħala wieħed ċar, trasparenti, u solidu li jispeċifika min jista’ jippratika l-psikoterapija, x’tip ta’ taħriġ għandu jkollu individwu biex jissejjaħ psikoterapista, u r-responsabbiltajiet u dmirijiet li għandu l-psikoterapista lejn min juża s-servizzi tiegħu.
Il-Ministru Falzon qal li l-klijent dejjem għandu jibqa’ fiċ-ċentru tal-professjoni, u jgawdi mis-servizz professjonali tal-psikoterapisti.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikoterapisti Charles Cassar qal li pajjiżi Ewropej oħra bħal Kroazja qed jimxu fuq l-liġi li għaddiet f’Malta, tant li anke bidlu l-abbozz tal-liġi fi stadju ta’ Parlament.