Bil-fondi li ngħatajna stajna nkomplu ninvestu f’sena li ġabet magħha sfidi kbar hekk kif waqfu l-attivitajiet kollha.
Dan sostnih Kurt Vella, membru fil-kumitat tal-Għaqda tal-Paegent Marija Reġina fil-Marsa f’kummenti li ta’ lil ONE News b’reazzjoni għall-pakkett t’għajnuna li tqassam lill-diversi għaqdiet tal-armar mill-Ministeru għall-Arti.
Vella stqarr, “Ħadna flus biex nirranġaw l-ufffiċċju tagħna u ħadna wkoll il-fondi biex jinħietu ilbiesi ġodda tal-Ġimgħa l-Ġdida. Xtrajna drappijiet u ħitna lbiesi ġodda għas-sena d-dieħla.”
Permezz ta’ dan l-investiment li jlaħħaq il-€150,000 numru ta’ għaqdiet tal-armar fil-lokalitajiet ta’ pajjiżna applikaw biex fost oħrajn jixtru bandalori, festuni u pavaljuni li jżejnu t-toroq fil-ġimgħa tal-festa.
Ic-chairman tas-sezzjoni tal-festa ta’ Ħamrun Liberty wkoll laqa’ dan l-investiment fl-għaqdiet tal-armar. Huwa tenna li b’din l-għajnuna Triq Stradarjali fil-Ħamrun se tibda tilbes libsa isbaħ fil-jiem tal-festa.
Antoine Zahra qal, “Grazzi għall-Ministeru tal-Hon. Herrera ħadna fondi li kien bżonnjuż. Bħalissa għadejjin bil-proġett kbir tas-sett ta’ bandalori ta’ Strda Rjali u bihom għamilna pass biex ngħalqu dan is-sett ta’ 28 bandalora li mhux ċajta.”