B’investiment ta’ madwar €100,000, il-Malta Trust Foundation ipprovdiet apparat teknoloġiku assistiv lil 22 tifel u tifla li huma fuq l-ispettru tal-awtiżmu u għandhom problema ta’ komunikazzjoni.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Malta Trust Foundation.
Waqt l-indirizz tagħha l-President tal-Fondazzjoni Marie-Louise Coleiro Preca sostniet l-importanza ta’ dan l-apparat assistiv sabiex jgħin fil-komunikattiva ta’ dawn it-tfal.
Hija qalet: “Nipprovdu dawn id-devices li huma custom made għat-tfal li ma jitkellmux fuq l-ispettru tal-awtiżmu huwa maħsub li jbiddel il-kwalità tal-ħajja tagħhom għaliex ikunu jistgħu jibdew jikkomunikaw u għaldaqstant il-fatt li jikkomunikaw mal-familji u anke ma’ sħabhom l-iskola tagħmel differenza kbira f’ħajjithom.”
Intant ONE News tkellem ukoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Sciberras.
Hija spjegat kif dan l-apparat huwa speċjalizzat b’mod indvidwali għal kull tifel u tifla li ngħatat dan l-apparat sarilha eżami minn taqsima fi ħdan l-Aġenzija: “Il-Malta Trust Foundation qed iġġib id-devices waqt li l-Aġenzija Sapport bil-professjonisti tagħha u t-tim tal-Access to Communication and Technology Unit, nassessjaw it-tfal u naddattaw id-devices għal dawn it-tfal. Xogħolna wkoll hu li nħarrġu kemm il-ġenituri u kemm għalliema LSE’s u nies oħra li jkollhom x’jaqsmu ma’ dawn it-tfal li jkollhom komunikazzjoni kumplessa biex jikkomunikaw man-nies hemm barra.”