Abduraouf Younis Mansur Altabib ta’ 40 sena mill-Libja ngħata sentenza ta’ sena probation wara li nstab ħati li fil-5 ta’ Settembru hedded lill-ġirien tiegħu.
Il-każ seħħ fi blokka appartamenti fi Triq tas-Srug ix-Xagħra, Għawdex. Il-Libjan spjega fil-Qorti li l-ġirien kienu jpejpu f’żoni komuni tal-blokka appartamenti, joħorġu l-borża taż-żibel qabel il-ħin u jipparkjaw ħażin. Kien dan li wassal biex l-Libjan jhedded lill-ġirien tiegħu.
L-uffiċjal tal-Pulizija Shaun Tabone xehed kif l-akkużat kien ċempel lil Pulizija sabiex jirraporta din l-imġiba ta’ Benoit Caudal u Ninon Machault, li huma l-ġirien tal-akkużat.
Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat kien talab lil Machault biex tmur tpejjep x’imkien ieħor. L-argument saħan, tant li f’ħin minnhom Altabib offenda lill-mara. Hi ħassitha offiża u marret tgħid lil għarus tagħha.
Dan niżel fil-komun b’lembuba f’idu. Caudal stqarr li meta niżel isfel, l-imputat kellu fil-pussess tiegħu pajp taċ-ċomb u sikkina.
Il-Qorti f’seduta ppreseduta mill-Maġistrat Brigitte Sultana kkunsidrat il-fatt mhuwiex ċert jekk Caudal semax l-argument mill-appartament jew jekk sarx jaf bl-argument iżjed tard meta infurmatu l-għarusa tiegħu.
Il-Qorti kkunsidrat ukoll il-fatt li Caudal niżel b’lembuba u kien għalhekk li l-akkużat ħass il-bżonn li jkollu fil-pussess tiegħu dawn l-oġġetti.
Minkejja dan il-Qorti nnutat li Altabib kien aġġitat tant li ġie msikket fl-awla.
Il-Qorti stqarret li l-affarijiet ma jisewex b’pajp taċ-ċomb. L-argument seta’ ħa xejra differenti tenniet tgħid il-Qorti.
Għalhekk ingħata sentenza ta’ sena probation. Fis-sentenza l-Qorti tat kas li l-akkużat hu missier u wliedu jiddependu minnu.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.