Raġel ġie akkużat li ħebb għal uffiċjal tal-Pulizija wara li qamet kommossjoni bejn diversi persuni fil-festa ta’ Ħaż-Żabbar.
L-imputat allegatament ħebb u saħansitra beżaq fid-direzzjoni tal-Pulizija, qabel ma’ l-istess uffiċjali arrestawh. Fl-istess inċident allegatament inkiser mobile ta’ uffiċjal tal-Pulizija.
L-imputat li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u talab apoloġija lill-Pulizija filwaqt li spjega kif meta ġara l-każ kien xurban.
Il-Prosekuzzjoni u d-Difiża tal-akkużat qablu li l-imputat għandu jingħata sentenza sospiża hekk kif din kienet okkażjoni ta’ darba u minħabba li l-istess imputat ikkopera mal-awtoritajiet.
Għaldaqstant il-Qorti għamlitha ċara li dan l-aġir huwa intollerabbli filwaqt li spjegat kif l-uffiċjali tal-Pulizija qegħdin hemm għall-ġid tal-komunità.
B’hekk hija ħarġet ordni ta’ probation fuq l-akkużat għal tliet snin kif ukoll ordni biex ma jagħmilx kuntatt mal-pulizija li kellu l-inċident magħhom għal sena. Barra minn hekk l-Qorti mmultat lill-akkużat is-somma minima ta’ €4,000 mħallsa fuq 3 snin.