Saif Sahir ta’ 24 sena mis-Somalja kien immultat €50 wara li wieġeb ħati li kien fil-pussess tad-droga kannabis f’San Ġiljan tard is-Sibt filgħaxija.
L-imputat li m’għandux saqaf fuq rasu kien akkużat ukoll li wettaq dan ir-reat waqt li kien inqas minn 100 metru ‘l bogħod minn post fejn jiltaqgħu iż-żgħażagħ.
Fil-Qorti il-Maġistrat Joe Mifsud irrimarka li l-akkużat tressaq b’arrest fuq pussess meta hemm it-tribunal apposta għal dawn il-każi, u li f’dan il-każ l-arrest mhux ġustifikat.
L-avukat tal-għajnuna legali Dr Frank Cassar issuġġerixxa li l-imputat jiġi mgħejjun mill-aġenzija AWAS.
Il-Qorti qalet li m’għandiex għażla ħlief li ssib l-imputat ħati. Dan filwaqt li rrakomandat lill-AWAS biex tagħti l-għajnuna kollha inkluż li ssib post fejn joqgħod fosthom iċ-ċentri miftuħa.
Il-Qorti ordnat li tinqered id-droga kannabis.