Fl-okkażjoni ta’ Jum Għawdex, ġie mogħti l-premju ta’ Ġieħ Għawdex mill-President ta’ Malta George Vella, lil indivwidi li taw kontribut u għamlu ġieħ lil din il-gżira.
Din is-sena, il-premju ngħata lil Lorrie Saliba u Marlon Attard b’apprezzament għall-kontribut tagħhom fl-oqsma tal-volontarjat u l-isport.
Lorrie Saliba huwa attiv fil-komunità permezz ta’ xogħol volontarju f’diversi għaqdiet lokali. Huwa l-aktar magħruf għall-attiviżmu kontinwu tiegħu fil-Victoria Scouts Group. Marlon Attard min-naħa l-oħra huwa atleta nazzjonali tal-Malta Shooting Sport Federation fid-dixxiplina tal-iskeet. Tul il-karriera tiegħu għamel ġieħ u unur lil pajjiżna diversi drabi permezz tal-ħiliet tiegħu u bis-suċċessi mhux żgħar li rnexxielu jikseb matul is-snin.

Jum Għawdex ifakkar il-ġrajja ta’ meta 225 sena ilu, l-Arċipriet Saverio Cassar irnexxielu jgħaqqad lill-Għawdxin biex jiksbu l-ħelsien ta’ Għawdex mill-ħakma Franċiża.
