Il-Forzi Armati ta’ Malta kienet preżenti b’salut ta’ 21 tir minn fuq il-Barrakka ta’ Fuq, permezz ta’ kanuni speċjali għal okkażjonijiet bħal dawn.
Is-salut seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar u għaxra waqt li t-tebut ta’ Papa Franġisku kien dieħel lura fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, hekk kif intemm il-funeral.
ONE News tkellem mal-iStaff Sargent Darren Mangion, li f’kumment li ta, spjega kemm hu ta’ rispett għoli is-salut ta’ 21 tir u kif din hi tradizzjoni li ilha sseħħ sa minn żmien il-Medjuevu.
“It-21 gun salut huwa l-ogħla salut li l-armata tista’ tagħti lill-pajjiż, il-persuna u l-okkażżjoni, bħall-okkażżjoni tal-lum lill-Papa. It-21 gun salut ġej minn żmien il-Medjuevu: meta x-xwieni kienu jidħlu fil-Port kienu jisparaw seba’ tiri – ġeneralment kien ikollhom seba’ kanuni – u kienu jisparaw tir minn kull kanun. Sadanittant mill-Port, peress li għandhom iktar ammunizzjoni, għal kull kanun li jispara x-xini, jisparaw tlieta, b’hekk jiġi għal wieħed u għoxrin; u minn hemm baqgħet it-tradizzjoni għaddejja.”