Belti ta’ tmienja u ħamsin sena ngħata l-libertà proviżorja, waqt li qed jistenna rapport ta’ qabel tingħata s-sentenza wara li ammetta li seraq tliet mitt ewro minn ħanut fil-Furjana.
Ir-raġel, li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti, deher quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace. Huwa tressaq mill-Pulizija, l-Ispetturi Kevin Pulis u Daryl Borg, li akkużawh b’serq aggravat u li rreżista żewġ uffiċjali tal-Pulizija.
Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar, meta r-raġel daħal fil-ħanut, ħataf xi flus li kien hemm fuq il-bank, u ħarab minn fuq il-post b’karozza.
Il-Pulizija bdiet mill-ewwel bl-investigazzjonijiet u ġiet identifikata l-vettura u min seta’ kien qed jagħmel użu minnha.
Madwar siegħa u nofs wara, ġie arrestat raġel fi Triq San Ġużepp fil-Belt, li kien liebes ħwejjeġ identiċi għal dawk li deher liebes is-suspettat fil-filmati tas-sigurtà waqt is-serqa.