Noel Barbara t’40 sena, li joqgħod Birkirkara, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li spara fuq żewġt irġiel f’għalqa fil-Gudja.
Barbara ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih fosthom li darab ħafif raġel u li kellu arma mingħajr il-permess tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-każ ġara lbieraħ f’Ta’ Loretu, limiti tal-Gudja.
L-akkużat qal li spara lejn tajra iżda ż-żewġt irġiel l-oħra sostnew li l-imputat spara fuqhom u laqat wieħed minnhom.
Barbara ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €10,000.
Huwa ġie ordnat jiffirma l-għassa tal-pulizija, darbtejn fil-ġimgħa.