Josef Zammit ta’ disgħa u għoxrin sena magħruf bħala l-Marozz, li t-Tnejn li għadda allegatament rreżista l-arrest wara li l-pulizija ġriet warajh bil-karozza, ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ erbat elef ewro u garanzija personali ta’ erbat elef ewro.
Huwa kien ordnat sabiex imur jiffirma fl-għassa tal-pulizija kuljum u josserva l-ħinijiet ta’ xħin għandu jirritorna d-dar.
Fil-Qorti ġie akkużat li barra li rreżista l-arrest, għamel ħsara fi propjetà, saq b’mod perikoluż u m’obdiex il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest ta’ sena ilu.
L-Avukati tal-akkużat qalu li l-klijent tagħhom lest iħallas għad-danni li huwa kkawża meta ġie arrestat.
F’każ separat ta’ sena ilu, Zammit kien akkużat b’involviment fit-traffikar tad-droga.