Francis Grech ta’ 57 mill-Belt Valletta ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li seraq diversi fwejjaħ minn ħwienet differenti fi Triq ir-Repubblika, il-Belt.
Fil-preżenza ta’ qrabatu, l-akkużat, li għandu fedina penali kkulurita, wieġeb ħati ta’ dawn l-akkużi.
Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Monica Vella intqal kif l-akkużat għadu kif ħareġ mill-ħabs fuq każ ieħor ta’ serq u li rrenda ruħu riċediv.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Daryl Borg, spjegat kif fit-23 u 28 ta’ Ġunju li għadda, irċevew bosta rapporti ta’ serq minn ħwienet u kien hemm li l-Pulizija tad-distrett bdew l-investigazzjonijiet. Kien minn filmati ta’ kameras tas-sigurta li l-Pulizija identifikaw l-akkużat.
Huwa spjega kif bejn wieħed u ieħor il-valur tal-fwieħa mill-ħwienet jammonta għal €400. Il-Prosekuzzjoni spjegat ukoll kif l-imputat ipprova jħallas l-oġġetti li kien seraq.
Fl-awla, l-Avukat Difensur Francesca Zarb mill-Uffiċċju ta’ Franco Debono, talbet għal Pre-Sentencing report u jekk hemm bżonn għajnuna, dan għandu jeħodha.
Kien hawn li d-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ma sabet l-ebda oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni.
Il-Qorti laqgħet it-talba tal-ħelsien taħt diversi kundizzjonijiet, fosthom li ma jistax isiefer, ma jistax ikellem jew javviċina lix-xhieda, jiffirma l-għassa tal-Belt darbtejn fil-ġimgħa u li ma jistax iwettaq delitt ieħor. Dan filwaqt li tpoġġa taħt ordni ta’ superviżjoni.
Il-Maġistrat ordnat lil Francis Grech iħallas depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €3,000.