Taljan akkużat bi vjolenza domestika qal fil-qorti li kien mar jirrapporta problemi fiż-żwieġ lill-pulizija iżda kien inbgħat lura għaliex il-pulizija ma kienux jitkellmu bit-Taljan.
Dan ħareġ wara li r-raġel li għandu sebgħin sena ittella’ l-Qorti quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace akkużat b’abbuż verbali fuq martu u t-tfal tiegħu.
Huwa mifhum li l-koppja kienu għaddejjin minn proċess ta’ separazzjoni wara li ż-żwieġ tagħhom li kien ilu tlieta u għoxrin sena spiċċa ħażin.
L-avukat tad-difiża ta parir lill-klijent tiegħu sabiex jagħmel rapport lill-pulizija għaliex ħebritu qalbu li martu ser tipprova tuża proċeduri kriminali favuriha fil-proċeduri ta’ separazzjoni.
Il-qorti aċċettat it-talba għall-ħelsien mill-arrest wara li iben l-akkużat minn żwieġ ieħor offra post alternattiv mid-dar matrimonjali.
Il-qorti imponiet diversi kundizzjonijiet stretti fosthom li ma jridx jagħmel kuntatt ma’ martu t-tfal filwaqt li kellu jħallas garanzija ta’ għaxart elef ewro.