Raġel ta’ 64 sena residenti x-Xemxija u li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ħareġ arma waqt argument.
Il-każ imur lura għad-19 ta’ Diċembru għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija meta ntalbet l-assistenza tal-Pulizija li aktar tard elevat żewġ armi mingħand l-imputat b’rabta mal-każ.
L-imputat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih filwaqt li saret talba biex isir rapport qabel tingħata s-sentenza mill-Qorti.
Għaldaqstant, hu ngħata l-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ elfejn ewro u garanzija personali ta’ ħamest elef ewro u b’diversi kundizzjonijiet fosthom li jrid jiffirma darbtejn fil-ġimgħa f’għassa tal-Pulizija.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma li kienet involuta fil-każ.