Clint Axisa ta’ 42 sena mill-Fgura, Uffiċjal ta’ Transport Malta ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti mixli li ffastidja sesswalment żewġ kollegi nisa.
Huwa wieġeb mhux ħati.
L-Avukati difensuri talbu għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-ispettur Joseph Busuttil oġġezzjonat.
Fosthom minħabba ntralċ tal-provi hekk kif bosta persuni għad iridu jixhdu.
L-Ispettur Busuttil qal li allegatament l-imputat offra l-flus lil missier waħda mill-vittmi, li huwa ġar tal-familja Axisa.
Allegazzjoni li ġiet miċħuda.
L-Ispettur Busuttil għadda l-mobile tal-imputat il-Qorti biex jiġi analizzat minn esperti maħtura mill-Qorti.
Intqal ukoll li Axisa wera chat li għandu ma’ waħda mill-allegat vittmi waqt li kien taħt arrest ilbieraħ.
Il-Prosekuzzjoni qalet iżda li ma urihomx chats li għandu ma’ ħaddiema oħra li għad iridu jixhdu fil-każ.
L-AvukatiDifensur fil-Qorti tenna kif il-verżjoni tax-xhieda ta’ waħda mill-allegat vittmi hija bil-miktub, hekk kif Axisa kien se jitressaq quddiem il-bord tad-dixxiplina skont, il-ftehim kollettiv tal-aġenzija, nhar it-Tnejn li għadda.
Qal ukoll li l-Prosekuzzjoni, Transport Malta u anke d-Difiża għandhom kopja kull wieħed tax-xhieda.
F’waqt minnhom, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wissiet lill-imputat biex jieqaf jitkellem, hekk kif fl-awla, l-akkużat deher imbikkem.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €30,000.
Il-Qorti ordnat lill-imputat biex jiffirma fl-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa, kif ukoll li ma jersaqx lejn il-post tax-xogħol, ma javviċinax lix-xhieda u lanqas lill-allegat vittmi u l-familji tagħhom, fost oħrajn.
Għall-akkużat dehru Dr Arthur Azzopardi u Dr Herman Mula filwaqt Dr Marion Camilleri kienet parte civile.