Luke Grech ta’ disgħa u għoxrin sena minn Wied il-Għajn ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti mixli fuq pussess ta’ droga li ma kienux għall-użu personali tiegħu fost akkużi oħra.
Fil-Qorti nstema’ kif fl-isbatax ta’ Marzu l-Pulizija tad-Distrett kienet qed tagħmel ronda fiż-żona ta’ Wied il-Għajn, meta lemħu karozza tinstaq b’mod suspettuż. Il-Pulizija bdiet issegwi din il-karozza sakemm daħlet fi triq li ma tinfed imkien, u talbet lis-sewwieq sabiex joħroġ mill-karozza.
Waqt tfittxija fuq il-post allegatament instabet borża mal-parti tal-imputat. Kien hawn li l-imputat allegatament ġie fl-idejn mal-pulizija u kkawża ġrieħi ħfief. Wara l-argument fiżiku, Grech allegatament offra liż-żewġ pulizija għaxart elef ewro sabiex jinsew dak kollu li ġara.
Fil-Qorti d-difiża nnutat li waqt l-allegat argument ma kien hemm ebda xhieda minn terzi persuni, u li l-akkużat jitqies bħala riċediv minħabba akkużi passati marbutin ma’ ksur ta’ regolamenti tat-traffiku. Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest wara li rrimarkat kif il-prosekuzzjoni ma kellha ebda oġġezzjoni dwar kundizzjonijiet raġjonevoli.
Huwa nħeles mill-arrest u marbut isegwi numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom li jiffirma fl-għassa ta’ Ħaż-Żabbar kuljum, li ma jippruvax jaħrab minn Malta u li ma javviċinax persuni oħra nvoluti f’dan il-każ. Apparti minn hekk, Grech ma jistax jagħmel użu minn ebda trasport tal-baħar.
Id-difiża kienet immexxija mill-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.