Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża biex Luke Zammit Haber, li qed jiġi akkużat li, fost l-oħrajn, kabbar 55 pjanta tal-kannabis f’għalqa fix-Xewkija, Għawdex, jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qieset il-fatt li l-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonax għat-talba tal-ħelsien mill-arrest.
Zammit Haber ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €15,000.
Il-Qorti ordnatlu wkoll biex jirrapporta tliet darbiet fil-gimgħa fl-għassa tar-Rabat, li ma jsifirx, li ma joħroġx mid-dar bejn l-għaxra ta’ filgħaxija u sitta ta’ filgħodu, li ma jkellimx lix-xhieda, u li ma jersaqx lejn l-għalqa li fiha allegatament kienu qed jitkabbru l-pjanti tal-kannabis.
Intant, fis-seduta xehed l-Ispettur Mark Mercieca, li spjega li l-Pulizija kienet illha tissorvelja l-għalqa li fiha kienu qed jitkabbru l-pjanti tal-kannabis.