Ebderi Edriss Gumaa Faraj ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li allegatament hedded lil martu li se jisparixxiha b’elf ewro u jaħarqilha demmha talli ma setax jara lit-tfal tiegħu.
Ir-raġel ta’ wieħed u erbgħin sena mill-Libja li joqgħod Santa Venera ġie mixli li fl-aħħar ta’ Jannar li għadda, ikkaġuna l-biża’ lil martu u lil uliedu, hedded lil martu u għamel użu mhux xieraq minn apparat elettroniku tal-komunikazzjoni.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Audrey Micallef spjegat li Faraj kellu jara liż-żewġt itfal taħt superviżjoni mill-Appoġġ wara digriet mill-Qorti.
L-akkużat allegatament uża apparat elettroniku biex jhedded lil martu fejn qalilha li “b’€1,000 kapaċi nisparixxik”, “inġiegħlek tibki biki tad-demm” u “nibqa’ ninsisti sakemm naħraqlek demmek”.
Għal dawn l-akkużi, l-imputat wieġeb mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat hekk kif hemm involuti żewġ minuri u l-akkużat għandu fedina penali b’żewġ reati ta’ vjolenza domestika.
Id-Difiża rribattiet billi qalet li l-akkużat għaddej minn proċess ta’ separazzjoni u l-mara dejjem taħfirlu.
Il-Maġistrat Victor Axiak ta l-benefiċċju tad-dubju lid-difiża u ħeles lill-akkużat b’diversi kundizzjonijiet, fosthom li ma jersaqx lejn il-post fejn tgħix martu, u jirraporta l-għassa darbtejn fil-ġimgħa.
Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ ħames mitt ewro u garanzija personali ta’ għaxart elef ewro.
Il-Maġistrat wissa lill-akkużat li jekk jikser dawn il-kundizzjonijiet, se jitlef il-libertà tiegħu.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni għall-mara tal-akkużat u ż-żewġt itfal tiegħu għal erba’ snin.