Raġel Franċiż li kien akkużat bi traffikar ta’ iktar minn kilo kokaina ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ għoxrin elf ewro.
Gerson Abiaka ta’ tlieta u tletin sena kien arrestat f’April li għadda wara li l-Pulizija kienet infurmata li l-imputat kellu xi drogi fil-pussess tiegħu.Fi tfittxija li saret fil-kamra tal-lukanda fejn kien qiegħed joqgħod, il-Pulizija kienet sabet tmienja u tmenin kapsola tal-kokaina moħbija fis-suffitt tal-kamra tal-banju.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri tat il-ħelsien mill-arrest lill-akkużat fuq depożitu ta’ ħamest elef ewro u garanzija personali ta’ għoxrin elf ewro, u li jiffirma kuljum f’għassa tal-Pulizija.
Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono u Yanika Vidal.