Grezzio Piscopo ta’ sitta u sebgħin sena miż-Żejtun ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati għall-akkuża li prova jwettaq hold-up fil-fergħa tal-HSBC fiż-Żejtun stess.
Piscopo kien akkużat ukoll b’attentat ta’ serq aggravat, żamm numru ta’ nies kontra r-rieda tagħhom, kien fil-pussess t’ arma jew imitazzjoni t’ arma tan-nar u kif ukoll li għatta wiċċu fil-pubbliku.
L-avukati Kathleen Calleja Grima u Andrew Cauchi resqu talba għal ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona fid-dawl li numru ta’ xhieda għadhom iridu jixhdu.
Madanakollu, Grima qalet li huma żgur li ma kinux se joġġezzjonaw għal projbizzjoni stretta li biha l-akkużat ma jersaqx viċin il-bank.
Iktar minn hekk, l-avukat innutat li t-tliet itfal tiegħu, li kienu preżenti fl-awla il-Ħamis wara nofsinhar, għandhom prokura biex imorru l-bank huma f’ismu.
Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo tat lill-akkużat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ seba mija u ħamsin ewro, garanzija personali ta’ disat elef ewro u ġie ordnat li ma jkellimx lix-xhieda u ma jersaqx viċin il-fergħat ta’ HSBC.
Piscopo se jkun segwit u jingħata l-għajnuna meħtieġa sakemm jinqata l-każ filwaqt li ma jistax joħroġ mid-dar bejn l-għaxra ta’ filgħaxija u s-sebgħa ta’ filgħodu.