Mark Anthony Bonnici ta’ 41 sena minn Ħ’Attard ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda dwar serqa li saret fil-bidu ta’ dan ix-xahar.
Fil-bidu ta’ din il-kumpilazzjoni, xehdet il-manager tal-ħanut li qalet kif raġel b’hoody u wiċċu mogħti b’maskra protettiva daħal fil-ħanut u talab għall-flus. Ix-xhud qalet kif f’idu kellu pistola u ħasbet li kienet xi ċajta.
Qalet li indunat li ma kinitx, meta baqa’ jinsisti għall-flus.
Hija qalet kif barra li ħa l-flus, ħa wkoll apparat li jaqra l-lokazzjoni tal-persuna, magħrufa bħala tracking device.
Il-vittma f’din is-serqa fil-Qorti identifikat lill-allegat ħalliel.
Mal-ħelsien mill-arrest, il-Qorti imponiet diversi kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €10,000.
L-imputat ġie mitlub jiffirma fl-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa.