Christopher El Shoushani ta’ 43 sena minn Ta’ Xbiex ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li fil-Qorti ġie akkużat b’serq aggravat minn fuq mara f’darha fi Triq Testaferrata nhar is-16 ta’ Settembru.
Huwa ġie akkużat ukoll li żamm il-mara kontra l-volontà tagħha, li uża arma biex iwettaq reat kriminali, li kellu arma mingħajr permess tal-Pulizija u li kien riċediv.
L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bil-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-akkużat joqgħod viċin il-vittma u x-xhud prinċipali f’dal-każ.
Il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €10,000, u għadd ta’ kundizzjonijiet, fosthom li jiffirma fl-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa u li jkun id-dar f’ċertu ħinijiet. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.