Mark Anthony Vassallo ta’ ħamsa u għoxrin sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ħmistax ilu nqabad bi tliet kilogrammi kannabis li nstabu fil-kamra tas-sodda tiegħu fil-Qawra.
Vassallo tressaq il-qorti fl-ewwel ta’ Mejju li għadda u wieġeb mhux ħati li kien fil-pussess ta’ drogi li ma kinux għall-użu perosnali tiegħu.
Id-droga nstabet wara li l-Pulizija kisbet mandat ta’ tfittxija fuq ir-residenza. Fi tfittxija nstabu sitt elef ewro fi flus, żewġ kili ħaxixa tal-kannabis, madwar kilo raża tal-kannabis u mitt pakkett MDMA li l-Pulizija tissusspetta li kienu lesti biex jinbiegħu f’party kbir.
Meta kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontrih, l-Avukat Franco Debono talab għall-ħelsien mill-arest. Argumenta li l-klijent tiegħu m’għandux passat kriminali u li l-investigazzjonijiet waslu fi stadju avvanzat. Huwa sostna wkoll li l-akkużat ikkopera mal-pulizija.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tatu l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu personali ta’ sebat elef ewro u garanzija personali ta’ ħamsa u għoxrin elf ewro. Huwa ġie obbligat ukoll jiffirma kuljum fl-għassa tal-pulizija.
Il-prosekuzzjoni tmexxija mill-Ispettur Frank Anthony Tabone. L-avukat Mario Mifsud assista wkoll fid-difiża tal-akkużat.