Fi knisja ppakkjata, iddominata mill-iswed u l-blu tal-uniformi, ingħata l-aħħar tislima s-Supretendent tal-Pulizija Jesmond Pace.
Hu ħalla din id-dinja aktar kmieni din il-ġimgħa fl-età ta’ tnejn u ħamsin sena wara battalja twila mal-marda tal-kanċer.
Mat-tokki tat-tmienja u nofs ta’ filgħodu, it-tebut bil-beritta fuqu, li biha serva għal diversi snin, inġarr fuq l-ispallejn ta’ uffiċjali li għal snin twal ukoll ħadmu miegħu fis-servizz.
Uffiċjali għoljin fil-Korp, fosthom il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, sellmu għall-aħħar darba lis-Supretendent Borg fuq iz-zuntier tal-Knisja tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa.
Deskritt bħala uffiċjal eżemplari, maħbub minn kulħadd, u dejjem lest li jkun ta’ spalla għal ħaddieħor, Jesmond ingħata l-aħħar tislima fil-lokalità li fiha trabba u għex.
Fl-istess knisja li fiha, fl-elf disa’ mija u erbgħa u disgħin, iżżewweġ lil martu, Jesmond ġie deskritt bħala raġel li baqa’ eżemplari sal-aħħar, speċjalment minn Mejju ’l hawn, meta ħa l-aħbar li l-kanċer li kellu, kien terminali.
Fl-omelija, il-Kappillan tal-Korp, Father Raymond Bonnici, qal li minkejja li Jesmond baqa’ jidħol għax-xogħol, kien lest fuq livell ta’ fidi – għax baqa’ jitkellem b’mod konkret fuq dak li kien se jiġri.
Fil-fatt, Jesmond iċċelebra s-Sagrament tal-Morda b’qalbu qawwija u b’fidi kbira, fil-kappella tad-Depot, flimkien mal-komunità li kien jattendi magħha l-quddiesa ta’ kull nhar ta’ Ħadd.
“Iddiskutejna flimkien jekk jixtieqx jagħmel is-sagrament tad-dlik tal-morda u ma ħasibhiex żewġ sekondi, qalli iva. Iċċelebrajna dan is-sagrament fil-kappella tal-Kwartieri Ġenerali fil-quddiesa tad-disgħa tal-Ħadd, flimkien mal-komunità li regolarment jiġu jattendu għaliha.”
Fr Raymond Bonnici – Kappillan tal-Korp
Preżenti għall-funeral kien hemm il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri.
Fost l-għeżież li ħalla warajh, hemm ommu, martu u t-tliet uliedu.
ONE News isellem il-memorja tas-Supretendent Borg u jirringrazzjah għall-ħidma li wettaq b’riżq il-Korp tal-Pulizija u l-pajjiż.