Id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo ngħata l-aħħar tislima s-Sibt filgħodu fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġiljan.
Arrigo miet fl-età ta’ 67 sena t-Tlieta li għadda wara li tilef il-battalja mal-marda tal-kanċer.
Huwa ħalla jibku t-telfa tiegħu lil martu Marina u liż-żewġ uliedu Andrew u Alan.
Robert Arrigo kienu ilu Membru Parlamentari mill-2003, wara li għal bosta snin kien ukoll is-Sindku ta’ Tas-Sliema.
Bil-banda ddoqq il-marċi funebri fl-isfond, it-tebut b’Arrigo, merfugħ minn sħabu d-Deputati, intlaqa’ b’ċapċip ta’ tislima minn dawk preżenti.
Fl-omelija tiegħu, l-eks Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Ġiljan Fr. Claude Portelli, iddeskriva lil Robert Arrigo bħala persuna li dejjem uriet rispett lil ta’ madwarha u f’kull ma għamel, dejjem kien ġeneruż u onest.
Qal, “Jien naf kemm kull darba li kelli bżonn f’diversi każijiet soċjali meta kont Kappillan hawnhekk, qatt ma qalli le. Dejjem kien hemm biex jgħin, bħal ma għen lil ħafna minkom hawnhekk. Ir-realtà tal-umiltà u tal-ġenerożità li huma karattersitiċi ta’ min kien Robert.”
Ftit tas-sigħat wara li tħabbret il-mewt ta’ Arrigo, il-Prim Ministru Robert Abela kien ħabbar li se jipproponi biex id-Deputat Nazzjonalista jkun dekorat fiċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum ir-Repubblika li jmiss.
Arrigo ġie deskritt minn bosta bħala ġentlom li kien jistinka ħafna sabiex jgħin liż-żgħir u lil dawk fil-bżonn. Apparti fil-politika, huwa ħadem qatigħ fis-setturi tat-turiżmu u tal-isport.
Ibnu Andrew, fl-aħħar tal-funeral sellem lil missieru b’diskors qasir, fejn qal kif l-attività f’Diċembru li ġej li kellha tfakkar il-ħamsin sena minn meta Robert Arrigo beda jaħdem fil-qasam turistiku, xorta se ssir b’rispett lejn il-memorja tiegħu.
Intant, preżenti għaċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Robert Arrigo kien hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia Abela, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u bosta Deputati Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra.