‘Fjamma mikxufa fir-riħ – illum hawn, u għada le.’
Kien b’dan il-mod li Fr Hillary Tagliaferro iddeskriva l-ħajja fuq din l-art, waqt li kien qed iqaddes il-quddiesa li tat l-aħħar tislima, lill-Kaptan Paul Muscat, li miet ivvelenat bil-monossidu tal-karbonju f’għorfa fi Mġarr ix-Xini f’Għawdex.
Kienu mijiet li l-Erbgħa filgħodu nġabru fil-knisja tal-Lunzjata, f’Ħal Tarxien biex isellmu l-memorja ta’ Muscat fosthom għadd ta’ kaptana tal-Gozo Channel.Ma’ ONE News, Fr Hillary qal li għalih personali kienet diffiċili ħafna li jqaddes minħabba l-fatt li kienu jafu personalment. Saħasnitra jiddeskrivih bħala wieħed mill-ħafna tfal tiegħu.
Fr Hillary qal li minkejja li fl-aħħar ftit snin il-kuntatt ma’ Paul naqas, jiftakru bħala bniedem tajjeb, li jaqdi lil dak li jkun.
Fl-omelija tiegħu, huwa appella lil dawk preżenti, speċjalment lit-tfal u l-kollegi ta’ Paul, biex jonoraw il-memorja tiegħu billi jkunu ġenerużi u twajba bħalma kien hu. Dan waqt li ddeskriva l-mewta ta’ Paul u s-sieħba tiegħu Diane Ainsley, bħala diżgrazzja li se twassalhom għal post aħjar.
Il-koppja ħallew din id-dinja fl-aħħar ta’ Frar f’kamra fil-bajja pittoreska ta’ Mġarr ix-Xini f’Għawdex. Hu mifhum li l-koppja xegħlu l-forn biex isaħħnu d-dar bl-awtopsja tistabblixxi li mietu avvelenati bil-monossidu tal-karbonju.
Il-katavru tas-sieħba ta’ Paul, Diane, ittieħed lejn l-Ingilterra, fejn se tingħata l-aħħar tislima minn qrabtha.