Fi knisja mimblija bin-nies, ingħatat l-aħħar tislima lil Charles Miceli li miet il-Ġimgħa li għadda fl-età ta’ tmienja u sittin sena.
Emozzjonanti u mill-qalb, spikkat l-omelija tal-Vigarju Episkopali, Monsinjur Charles Cordina, li fil-knisja parrokkjali tan-Naxxar, iddeskriva lil Charles bħala bniedem rifless tal-imħabba. Intqal li Charles ma spiċċax hawn hekk kif il-ġid li għamel tul ħajtu se jibqa’ ħaj għal dejjem.Tul l-omelija, intqal kif it-tbissima, il-paċenzja u s-smigħ ta’ Charles lejn il-karba tal-fqir żgur se jibqgħu memorja mnaqqxa f’qalb ħafna.
Omelija li fuq kollox spiċċat b’ċapċipa mistħoqqa lejn Charles fosthom ukoll mil-President tar-Repubblika, Marie-Louise Coleiro Preca, l-Ispeaker u għadd ta’ Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra li kienu preżenti għall-funeral.
Fi tmiem il-quddiesa, l-Arċipriet Dun David Gauci qara messaġġ mibgħut mill-Prim Ministru Joseph Muscat li ma setax jattendi għall-funeral minħabba impenji barra l-pajjiż.
Dr. Muscat qal li Charles se jibqa’ mfakkar għall-imħabba kbira tiegħu u għas-sensibbilità li kellu għall-emarġinati tas-soċjetà.
Żied jgħid li l-leħen tiegħu ma jissikkitx u l-ideali tiegħu jibqgħu għal dejjem.
Deskrizzjoni li qablu magħha ħafna fosthom Anthony Gatt li huwa koordinatur tas-servizzi tal-Caritas u Andre Ellul li ħadem mill-qrib ma’ Charles.
Bniedem li min kien jafu mill-qrib, sal-aħħar nifs ta’ ħajtu baqa’ l-leħen ta’ dawk l-aktar batuti fis-soċjeta’.