Jean Pierre Baldacchino, magħruf bħala l-Plaka, ta’ 39 sena mill-Belt Valletta, instab ħati li nhar l-14 ta’ Settembru 2014, attakka u għamel reżistenza bi vjolenza lill-Kuntistabbli tal-Pulizija fil-Grawnd Nazzjonali f’Ta’Qali. Dan f’partita futbol bejn il-Belt u l-Hibernians.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Aaron Bugeja, qalet li f’mument waqt il-logħba, eżattament wara foul li ngħata kontra t-team tal-Belt, xi wħud mill-partitarji ta’ dan it-tim bdew javviċinaw u jaqbżu l-gradi tal-ħadid għal ġol-grawnd.
Kien f’dan il-waqt li l-Kuntistabbli Charlon Borg, li dak in-nhar kien xogħol fil-grawnd, beda jwaqqaf lill-partitarji milli jkomplu jagħmlu dan. F’ħin minnhom, l-imputat kellem bl-għajjat u bl-herra lill-Kuntistabbli Borg, filwaqt li fajjarlu daqqa ta’ ponn bil-konsegwenza li sofra ġrieħi ħfief f’wiċċu.
Madankollu meta l-Qorti rat li l-imputat maż-żmien rabba’ relazzjoni tajba ħafna mal-Pulizija, u saħansitra beda jgħinhom matul il-logħob fil-grawnd, qalet li dan kien qed juri element ta’ rimors.
Għalhekk, il-Qorti ddeċidiet li tagħti l-aħħar ċans lill-imputat li verament inbidel fl-atteġġjament tiegħu mal-Pulizija.
B’hekk, il-Qorti ordnat li l-akkużat jitpoġġa taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ tliet snin, u li jħallas multa ta’ €4,000, filwaqt li ordnat li l-imputat ma jattendix grawnds tal-isports għal perjodu ta’ 9 xhur.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Robert Vella.