Kafetterija ġiet ordnata mit-Tribunal Industrijali biex tagħti kumpens ta’ €3,469.14, lil eks ħaddiem tagħha fi żmien xahar.
Dan wara li ġie konkluż li t-tkeċċija ta’ Petar Angelovski, mill-Maċedonja ta’ Fuq, mill-impjieg tiegħu kienet waħda inġusta.
Il-Maċedonjan fetaħ kawża kontra Coral Cafe fuq il-premessa li erba’ snin ilu tkeċċa mill-impjieg tiegħu ta’ wejter inġustament.
Barra minn hekk, huwa kien jagħmel xi xogħol ukoll wara l-bar, jieħu ħsieb il-flus, u jiftaħ u jagħlaq il-ħanut meta jkun hemm bżonn.
Intqal kif is-sid ittermina l-impjieg ta’Angelovski minħabba li ma marx għal xogħlu f’Ottubru tal-2019, u minflok bagħat kollega taħdem minfloku.
Is-sid akkużah li ma kienx qed jidħol għax-xogħol fil-ħin, li beda jqatta’ ħafna ħin fuq il-mobile u li kien jagħlaq il-ħanut qabel il-ħin biex imur jagħmel xogħol ieħor.
It-tribunal qal li l-istabbiliment ma jafx kif għandu jittratta lill-impjegati filwaqt li nnota bosta nuqqasijiet fih, fosthom nuqqas ta’ sistema biex il-ħaddiema japplikaw għal-leave u li ma jipprovdix lill-impjegati b’payslips.
It-Tribunal ikkonkluda li dan hu każ ċar ta’ sistema li qed tagħti lok għall-isfruttament ta’ ħaddiema barranin.
Għal Angelovski dehret l-Avukat Elaine Degiorgio, filwaqt li l-avukati Clint Tabone u Paul Borg irrappreżentaw l-istabbiliment.