Andrea Sellato ngħata kumpens ta’ €5,000 wara li dam iktar minn 11-il sena jistenna li tinqata’ l-kawża kriminali tiegħu. Lura f’Awwissu 2006, Sellato kien akkużat bi vjolenza domestika fuq l-ex martu u bintu.
Fis-sena 2011, il-Qorti tal-Maġistrati sabitu ħati għal ħafna mill-akkużi, iżda 6 snin wara l-Qorti tal-Appell bidlet id-deċiżjoni u sabitu ħati parzjalment għal waħda mill-akkużi fil-konfront ta’ bintu, filwaqt li ġie liberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fis-sentejn ta’ wara.
Sellato ressaq rikors kontra l-Avukat Ġenerali, fejn qal li tul dawn l-aħħar 11-il sena kien sospiż minn xogħlu, fejn kien qed jirċievi nofs il-paga. Qal ukoll li wara li ġie illiberat, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku avżatu li kien se jitlef is-salarju miżmum lilu tul dan iż-żmien.
Barra min hekk huwa semma li l-kawża ħadet wisq fit-tul u li b’hekk inkiser is-smigħ xieraq fi żmien raġonevoli.
Il-Qorti Kostituzzjonali evalwat dak li seħħ u qablet li d-dewmien kien seħħ mingħajr raġuni tajba.