Raġel ingħata erbat elef ewro f’danni morali fuq dewmien mhux ġustifikat f’proċeduri kriminali kontrih. Proċeduri li damu għaddejjin għal snin sħaħ u wasslu biex inħeles minn kull akkuża tnax-il sena wara li l-allegat każ seħħ.
Adrian Abela fetaħ proċeduri kontra l-Avukat Ġenerali, fejn saħaq li kien hemm ksur fid-dritt tiegħu ta’ smigħ xieraq fi żmien raġonevoli fuq każ ta’ pussess ta’ droga, fejn inħeles f’Ottubru elfejn u sittax, tmien snin wara li kien arrestat fl-elfejn u tmienja.
Abela nnota wkoll li l-arrest tiegħu sar erba snin wara li seħħ l-allegat traffikar tad-droga fl-elfejn u erbgħa.
Il-Maġistrat Joseph Zammit McKeon osserva li fost il-fatturi li wasslu għal dan id-dewmien kien hemm li l-prosekuzzjoni resqet tlett xhieda biss fi tmien snin u li kien hemm tlett maġistrati li ħadu f’idejhom il-każ.