Il-kuntrattur Bastjan Dalli ngħata kważi tmienja u għoxrin elf ewro f’kumpens fil-Qorti wara li ġie deċiż li l-ordni ta’ friżar fuq l-assi kollha tiegħu u l-każ dwar traffikar ta’ droga li ilu mill-elfejn u disgħa, kienu qed iwasslu għal ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu.
Dalli argumenta li minkejja li tressaq il-qorti tlettax -il sena ilu, il-każ tiegħu baqa’ mweħħel fi stadju ta’ kumpilazzjoni anki jekk saru aktar minn mija u għoxrin seduta.
Hu qal ukoll li l-ordni ta’ friżar tefgħetu f’sitwazzjoni fejn ma setax ikollu kont tal-bank f’ismu.
L-Imħallef Toni Abela stqarr li jinsab ixxukjat kif dan il-każ għadu ma ngħalaqx.
Filfatt l-Imħallef Abela ddikjara li dan il-każ kriminali qed jikser id-dritt tal-akkużat għal smigħ xieraq fi żmien raġjonevoli.
Dan filwaqt li dwar il-fatt li ma setax jikkontesta l-ordni ta’ friżar li ġiet imposta fuqu, il-Qorti qalet li din kienet qed tikser id-dritt fundamentali tiegħu dwar it-tgawdija ta’ propjetà.
Għaldaqstant, il-Qorti ordna lill-Avukat Ġenerali biex iħallas lil Dalli sebgħa u għoxrin elf, disa’ mija u tnejn u ħamsin ewro bħala kumpens u annullat l-ordni ta’ friżar.