Raġel li nqabad jikser l-ordni tal-qorti, li timponi ħinijet li fihom irid ikun id-dar, ingħata ċans ieħor wara l-proġress li diġà għamel.
Wayne Delia, ta’ 31 sena, minn Raħal Ġdid, twaqqaf fis-1:30 ta’ filgħodu mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit fil-Marsa. Wara li saru verifikazzjonijiet, irriżulta li Delia suppost kien id-dar bejn l-11:00 ta’ filgħaxika u s-6:30 ta’ filgħodu, skont l-ordni imposta mal-ħelsien mill-arrest.
L-imputat, li kien iċċertifikat li ilu tlett xhur ma jabbużax mid-droga, ittieħed l-isptar Monte Karmeli fejn sarlu eżami mediku u wara tressaq il-Qorti.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, semgħet kif l-għarusa tal-akkużat allegatament tilfet il-mobile fil-Marsa. Ir-raġel kien ħareġ mid-dar sabiex ifittxu meta ltaqa’ mal-Pulizija.
Għalkemm l-akkużat naqas milli jiffirma fl-Għassa għall-jumejn konsekuttivi, l-avukat difensur nnota li l-imputat kellu fil-pussess tiegħu ċertifikat mediku.
Il-Maġistrat rrimarkat li hija taf ir-raġel u tgħatu diversi okkazzjonijiet. Madanakollu, ma xtaqitx twaqqaf il-proġress li diġà għamel.
Il-Qorti aċċettat it-talba għall-ħelsien mill-arrest wara li semgħet l-uffiċjal tas-Sedqa, l-uffiċjal tal-probazzjoni u rapreżentant mill-fondazzjoni ‘Mid-Dlam għad-Dawl’ li offrietlu rifuġju.
Ir-raġel ingħata ħelsien mill-arrest proviżorju fuq garanzija personali ta’ ħamest elef ewro taħt ordni stretti sabiex jiffirma fl-għassa kuljum u josserva l-ħinijiet u jkun id-dar bejn id-disgħa ta’ filgħaxija u s-sitta ta’ filgħodu.
Il-Qorti aġġornat għall-ġimgħa d-dieħla fejn se tinstema’ x-xhieda u wissiet lir-raġel li jekk jerġa’ kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest jista’ jkollu piena addizzjonali.