Ingħata bidu għax-xogħol fi Triq il-Munxar, li mir-raħal tal-Munxar tagħti għan-naħa ta’ fuq tal-Wied tax-Xlendi.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li, “‘Proġett Għawdex – toroq fil-lokalità tiegħek’ huwa proġett ambizzjuż tal-Ministeru għal Għawdex biex f’Għawdex ikollna infrastruttura li trid tilqa’ għad-domanda tat-traffiku preżenti u dik tal-futur. Kien għalhekk li l-Ministeru għal Għawdex imbarka fuq dan il-proġett ambizzjuż biex ukoll tiġi mwettqa wegħda eletorrali biex Għawdex ukoll ikollu toroq tajbin”.
‘Proġett Għawdex’ beda b’50 triq u issa qed ikopri 70 triq, u dan f’inqas minn sentejn. “Dan huwa proġett li qed isir madwar il-gżira kollha bil-kollaborazzjoni wkoll tal-kunsilli lokali u Triq il-Munxar hija triq li ġiet identifikata biex issir”, qalet l-Ministru Caruana
Bis-saħħa ta’ ftehim li sar is-sena l-oħra bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-kunsill lokali tal-Munxar, ġiet identifikata Triq il-Munxar biex tkun parti minn dan il-proġett ħolistiku u l-Ministeru għal Għawdex ħareġ il-fondi kollha biex din it-triq tkun tista’ ssir. Min-naħa tiegħu l-kunsill kien responsabbli biex joħroġ it-tender u jassigura li x-xogħol isir skont il-ftehim u fil-ħin maqbul.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana saħqet li b’dan il-mod il-Ministeru għal Għawdex mhux biss qed jibgħat sinjal ċar li jrid jaħdem mall-kunsilli lokali imma saħansitra qed infasslu l-programm skont prijoritajiet indikati minnhom stess għall-lokalità tagħhom.
Is-Sindku tal-Munxar Damien Spiteri qal li bis-saħħa ta’ ftehim li sar mis-sindku ta’ qablu fil-leġiżlatura li għaddiet, il-Munxar inkluda din it-triq fil-programm tal-Ministeru għal Għawdex u mpenja ruħu li jara li dak li ġie miftiehem mal-Ministeru għal Għawdex jitwettaq biex din it-triq titlesta fil-ħin. Huwa rringrazzja lill-Ministru Justyne Caruana u qed iħares ‘il quddiem għal proġetti oħra bħal dawn.