Xjenza Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta nediet xogħlijiet ta’ konsolidazzjoni fil-peninsula ta’ Bighi biex tiġi indirizzata l-instabbiltà fl-uċuh tal-blat taħt l-Esplora, iċ-ċentru tax-xjenza, kif ukoll l-uffiċċji ta’ Xjenza Malta.
Il-proġett se jiffoka fuq l-istabbilizzazzjoni tal-irdumijiet kważi vertikali tal-ġebla tal-franka li jappoġġjaw il-pedamenti ta’ dawn il-binjiet u ż-żoni tal-pajsaġġ tal-madwar.
Il-ġebla tal-franka fis-sit irtabet u dan irriżulta f’mases ta’ blat miksur li joħolqu riskji għall-istrutturi li hemm fuqhom. Ingħad fi stqarrija li x-xogħol ta’ konsolidament hu meħtieġ biex tiġi salvagwardjata l-integrità tas-sit, filwaqt li tiġi żgurata stabbiltà fit-tul kemm għall-bini kif ukoll għall-ambjent.
Iż-żona ngħalqet għas-sigurtà sakemm isiru dawn ix-xogħlijiet.
Dan il-proġett, immexxi minn Xjenza Malta u l-kollaboraturi tagħha, se jtejjeb is-sigurtà u l-preservazzjoni tal-peninsula ta’ Bighi li hu sit b’wirt storiku u ambjentali, filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tiegħu għall-benefiċċju tal-viżitaturi taċ-ċentru u l-komunità.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, tkellem dwar l-importanza ta’ dan is-sit kemm fl-istorja rikka ta’ pajjiżna u wkoll għas-settur edukattiv, filwaqt li s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, tkellem dwar l-importanza tal-ħarsien tas-sit.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, sostna kif dawn ix-xogħlijiet huma ta’ importanza nazzjonali, filwaqt li huma wkoll evidenza ċara tal-impenn tal-Gvern biex jipproteġi s-sigurtà tan-nies, il-wirt storiku u l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Is-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina, qal li l-poplu Kalkariż qiegħed jilqa’ b’sodisfazzjon il-proġett ta’ restawr minħabba li l-peninsula ta’ Bighi hi tant importani għal-lokal.
“U allura nħarsu ’l quddiem bħala poplu Kalkariż u anke bħala Kunsill Lokali ħalli dan ix-xogħol jibda u jitlesta fil-ħin li ġej”.
Wayne Aquilina. Sindku Kalkara
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll Silvio Scerri, Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta, Steve Ellul, Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, is-Segretarju tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara, Duncan Brincat, u l-Perit Janice Borg.