Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, ħabbret li fil-ġranet li ġejjin ser jibda’ x-xogħol ta’ riġenerazzjoni fuq il-Fanal tal-Ġiordan fejn f’konferenza qalet li huwa dmir li nipproteġu l-patrimonju arkitettoniku u storiku ta’ pajjiżna u għalhekk qed ikun inkluż f’dan l-ewwel baġit tal-gvern. Dan ir-restawr se jkun maqsum f’diversi fażijiet b’fond ta’ madwar €200,000 li apparti r-restawr tal-binja, se jkun irrestawrat ukoll xi tgħammir u oġġetti mitluqa fis-sit.
Il-Fanal tal-Ġiordan hu ikona fil-gżira Għawdxija li beda jinbena fis-sena 1851 u sar funzjonabbli sentejn wara, waqt il-ħakma tal-Imperu Ingliż fuq il-gżejjer Maltin. Meta beda jaqdi l-funzjoni tiegħu, l-Fanal tal-Ġiordan kien mgħammar b’ 21 lampa taż-żejt li kienu jirriflettu fuq lentijiet kbar u li kienu jwaslu r-raġġi tad-dawl sa madwar 38 mil il-bogħod. Dan il-Fanal jinsab 161 metru fuq il-livell tal-baħar.
Preżentament, din il-binja qed tospita apparat ta’ moniteraġġ tal-arja li kien ġie installat mill-Universita ta’ Malta. Il-Ministru Caruana saħqet li l-Gvern qed jimmira li jkollna attrazzjoni turistika oħra ta’ valur f’Għawdex, anke minħabba s-sbuħija naturali tal-madwar. Dan jirriżulta fi spazju rikreattiv għall-familji.