Wieħed mill-aqwa programmi tal-istaġun tat-tiġrijiet kien dak li sar il-Ħadd waranofsinhar hekk kif ingħata bidu għall-ogħla unur li jitqassam fit-trott lokali l-BOV Tazza l-Kbira. Riservat għall-klassi Premier u wħud tal-Klassi Gold saru sitt heats li minnhom 24 għaddew għas-semi finali.
L-aqwa ħin f’dawn is-sitt heats kien dak irreġistrat minn Lincoln Lawyer fejn ħa it-2 rebħa konsekuttiva misjuq min Cailin Borg. Glenn Boko misjuq minn Rodney Gatt irreġistra it-tielet rebħa konsekuttiva tiegħu u l-ewwel waħda fi Klassi Premier u Up And Go kompla jikkonferma l-potenzjal tiegħu billi rreġistra ir-4 rebħa konsekuttiva ukoll misjuq minn Rodney Gatt.
Ungaro d’Eva u Axel Tilly irreġistraw l-ewwel rebħa tagħhom f’Malta misjuqa minn Cliferty Calleja u Julian Farrugia rispettivament. L-aħħar heat intrebħet minn Uttingeois misjuq minn Jos Verbeeck.
Fil-programm saru wkoll iż-żewġ semi finali tat-Tazza San Franġisk għall-Klassi Copper li ntrebħu minn Diego Jyl u Delice Majyc.
L-attrazzjoni fil-programm kienu ż-żewġ tiġrijiet li kienu jiffurmaw parti mill-ewwel tappa tal-Kampjonat Tal-Mediterran bil-parteċipazzjoni ta’ sewwieqa mill-Alġerija, Italja, Franza, Rumanija, Russja, Serbja u Malta. Ir-rappreżentant Malti Noel Baldacchino rnexxielu jirbaħ iż-żewġ tigrijiet biż-żwiemel Chahuteur u Doneisdone sabiex spiċċa r-rebbieħ ta’ din l-ewwel tappa.