llum ingħata bidu għall-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista. Konferenza mifruxa fuq ġimgħa bit-tema tkun ‘Malta ‘l quddiem għal iktar suċċess.’
L-ewwel jum tal-Konferenza Ġenerali Annwali l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Gino Cauchi ta rendikont finanzjarju tas-sena li għaddiet lid-delegati biex wara dan jitressaq quddiem il-konferenza fis-sessjoni plenarja t’għada.
Fl-ewwel jum sar ukoll workshop li fih ġew diskussi l-emendi fl-istatut tal-Partit Laburista. L-emendi huma varji, iżda ewlenin fosthom hemm artiklu li jħares dwar l-eventwalità ta’ kif jista’ jiġi xolt il-Partit Laburista u kif jiġu maqsuma id-diżposizzjonijiet tal-assi. Dan fl-isfond tal-liġi tal-finanzjament tal-Partit li daħħal Gvern Laburista.
Għal din il-Konferenza Ġenerali Annwali, il-Partit Laburista mhux biss qed jisma’ suġġerimenti tad-delegati, anke fl-isfond li qed ikun imfassal il-manifest elettorali iżda wkoll suġġerimenti mis-soċjetà ċivili hekk kif iktar tard tul din il-ġimgħa se ssir diskussjoni dwar is-suq tal-kera.