Hekk kif nhar it-Tlieta li għaddew ingħata bidu għall-Kampjonat Krafft għall-Klassi Silver b’ħames heats fuq distanza ta’ 2140m, il-Ħadd wara nofsinhar saru ħames heats oħra sabiex saru magħrufa l-40 żiemel li kkwalifikaw għall-kwarti tal-finali li ser isiru l-Ħadd 7 t’April. It-tiġrijiet għal darb’oħra kienu kompetittivi ferm u spikkat il-kwalita taż-żwiemel b’medji li s-soltu narawhom jiġu rreġistrati fi klassijiet ogħla. L-għaxar heats tal-kampjonat Krafft intrebħu minn Ami Toon’s, Emotion Boshoeve, Laddy Laday, Vic For Ever, Wellington, Leap Day Credit u Hallas Judex fejn dawn kollha kienu qed jirreġistraw it-tieni rebħa staġonali kif ukoll Neptunus Face u Capac Boko li ħadu l-ewwel rebħa tas-sena u d-debba Violette du Mas li ħarġet rebbieħa għall-ewwel darba f’Malta.
Fil-programm tal-Ħadd kellna tliet tiġrijiet għall-Klassi Gold fejn Glenn Boko misjuq minn Rodney Gatt irreġistra t-tieni rebħa konsekuttiva fl-aħjar medja tal-ġurnata filwaqt li Dewey Luvs Britt misjuq għall-ewwel darba minn Julian Farrugia u Angelus du Pont misjuq minn Redent Magro ħadu l-ewwel rebħa tas-sena. L-ewwel tiġrija tal-programm kienet għall-Klassi Bronze bid-debba Dream of Dupa misjuqa minn Jason Cordina toħroġ rebbieħa għall-ewwel darba fil-karriera tagħha.
Il-programm tat-tiġrijiet li jmiss nhar il-Ħadd li ġej huwa meqjus fost l-aqwa programmi tas-sena hekk kif jingħata bidu għall-ogħla unur tat-trott f’Malta il-BOV Tazza l-Kbira fejn iż-żwiemel kollha tal-Klassi Premier jiġru f’sitt tiġrijiet fuq distanza ta’ 2640m biex jikkwalifikaw għas-semi finali. Barra minn hekk nhar il-Ħadd ukoll ser issir l-ewwel tappa tal-Kampjonat tal-Mediterran bil-parteċipazzjoni ta’ sewwieqa mill-Alġerija, Franza, l-Italja, Rumanija, Russja, Serbja u Malta. Isiru wkoll is-semi finali tat-Tazza San Franġisk.
Ritratt: Alex Azzopardi